Press Release Only Made in Gozo Phase 3 January 2016


STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX: Inawgurat l-uffiċċju Only Made in Gozo

Reference Number: PR160163, Press Release Issue Date: Jan 28, 2016
Dalgħodu l-Ministru għal Għawdex Anton Refalo inawgura uffiċjalment uffiċċju b’kunċett ġdid għal Għawdex bl-isem ta’ Only Made in Gozo, immexxi mid-Direttur Maniġerjali ta’ Sapphire Real Estate Services, Jane Chircop.
Dan il-kunċett, li nbeda Għawdex, huwa mod ġdid kif jiġi attirat investiment barrani permezz ta’ bejgħ ta’ proprjetajiet tipikament Għawdxin. Il-ħsieb hu li tingħata identità speċjali lil kull proprjetà u prominenza lir-raħal li tinstab fih.
Il-Ministru Refalo spjega li permezz ta’ dan il-proġett inħolqot niċċa ta’ turiżmu lejn Għawdex.  Permezz tal-ftuħ ta’ dan l-uffiċċju żdiedu wkoll l-impjiegi f’Għawdex. Tenna kif 4 persuni ddaħħlu fid-dinja tax-xogħol fuq bażi full-time. Anton Refalo ħeġġeġ għal aktar inizjattivi intraprenditorjali u innovattivi ta’ dan it-tip, kif ukoll sabiex aktar kumpaniji bħal dawn jitħajru jinvestu u anke jkabbru l-operat tagħhom f’suq li qiegħed dejjem jikber.
Il-Ministru Għawdxi rrefera għall-miżura tal-Budget 3.24, li tgħid li r-rata ta’ taxxa mnaqqsa fuq xiri ta’ proprjetà fiż-żona UCA (Urban Conservation Areas)  li tara li biex jitnaqqas bini vojt u kif ukoll il-pressjoni għal bini ġdid, sar tnaqqis tat-taxxa tal-boll bin-nofs – minn 5 fil-mija għal 2.5 fil-mija – għal dawk il-proprjetajiet f’Urban Conservation Area stabbilita mill-MEPA, li l-kuntratti tagħhom qed jiġu finalizzati bejn l-1 ta’ Jannar 2016 u l-31 ta’ Diċembru 2016. Din il-miżura tinkorpora wkoll tnaqqis fir-rata ta’ taxxa meta proprjetà f’dawn iż-żoni tiġi restawrata u mibjugħa, minn 8% għal 5%. Dan sabiex aktar nies ikunu mħajra jixtru u jirranġaw proprjetà antika u b’hekk ikun qed jiġi konservat il-wirt storiku. Il-miżura msemmija, qal il-Ministru għall-Għawdex, hija parti minn strateġija li l-ministeru tiegħu qed jaħdem fuqha – strateġija favur proġetti innovattivi u kreattivi li kapaċi joħolqu x-xogħol f’din il-gżira. Barra minn hekk, din il-miżura tinkoraġġixxi l-użu ta’ binjiet eżistenti li ħafna drabi jkunu vojta u b’hekk indirettament tiġi mħarsa art verġni.
Il-Ministru Anton Refalo saħaq li t-tkabbir ekonomiku f’Għawdex qed isir b’għaqal u b’rispett lejn il-patrimonju u l-ambjent Għawdxi. Sostna dwar l-impenn tal-Gvern favur Għawdex, li mhux biss hu gvern li jisma’, imma wkoll jaġixxi għall-ġid tal-ekonomija Għawdxija. Infatti, ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika jikkonfermaw b’mod ċar li t-tkabbir ekonomiku fl-2014 żdied b’erba’ darbiet meta mqabbel mal-aħħar sena tal-amministrazzjoni preċedenti, minn 1.8% fl-2012 għal 8.1% fl-2014. Innota li skont l-aħħar statistika, in-numru ta’ Għawdxin jirreġistraw għax-xogħol naqas għal 648 f’Diċembru minn 742 fi tmiem l-amministrazzjoni li għaddiet. Dan ifisser titjib ta’ 13%.
Il-Ministeru għal Għawdex se jibqa’ jaħdem biex itejjeb il-pożizzjoni ta’ Għawdex fis-suq, bħala destinazzjoni differenti li toffri esperjenza unika f’ambjent mill-isbaħ.
Id-Direttur Maniġerjali ta’ Sapphire Real Estate Services, Jane Chircop, qalet li l-kunċett huwa wieħed kreattiv u innovattiv, u permezz tiegħu qed jiġi attirat investiment barrani bil-għajnuna ta’ promozzjoni barra minn xtutna, għall-bejgħ ta’ proprjetà antika b’arkitettura tipika Għawdxija, kif ukoll tingħata identità speċjali li tirrispetta l-patrimonju privat b’rispett lejn ambjent għal żvilupp sostenibbli.

http://www.gov.mt/en/Government/Press%20Releases/Pages/2016/January/28/pr160163.aspx

pr160163b

pr160163a